Dwar l-OiRA

OiRa – Evalwazzjoni tar-Riskju Interattiva Online – hija pjattaforma tal-web li tippermetti l-ħolqien ta’ għodod ta’ valutazzjoni tar-riskju settorjali f’għadd ta’ lingwi b’mod faċli u standardizzat.

Din tiġi żviluppata u tinżamm mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol (EU-OSHA) u hija bbażata fuq l-istrument ta’ valutazzjoni tar-riskju Olandiż RI&E.

Għaliex ġie żviluppat il-proġett OiRA?

Valutazzjoni tar-riskju xierqa hija l-element ewlieni għal postijiet tax-xogħol li jġibu ’l quddiem is-saħħa. Madankollu, it-twettiq ta’ valutazzjonijiet tar-riskju jista’ jirrappreżenta sfida, b’mod partikolari għal intrapriżi mikro u żgħar (MSEs), li jista’ ma jkollhomx biżżejjed riżorsi jew għarfien dwar is-sigurtà u s-saħħa okkupazzjonali (OSH) biex iwettqu dan b’mod effettiv.

L-OiRA għandha l-għan li tegħleb dan. Din hija l-ewwel inizjattiva fil-livell tal-UE biex tinkoraġġixxi lill-MSEs Ewropej sabiex jivvalutaw ir-riskji tagħhom bl-użu ta’ għodod żviluppati minn awtoritajiet nazzjonali u sħab soċjali  (organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-impjegati) — fil-livell tal-UE u f’dak tal-Istati Membri.

X’inhuma l-objettivi tal-OiRA?

  • Fil-livell Ewropew:
    • biex iżżid in-numru tal-MSEs fl-Ewropa li jivvalutaw u li jiġġestixxu r-riskji tagħhom fuq il-post tax-xogħol
    • biex tikkontribwixxi (permezz ta’ evalwazzjoni tar-riskju xierqa) għal tnaqqis fin-numru ta’ aċċidenti u ta’ mard fuq il-post tax-xogħol u għal titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol
    • biex l-intrapriżi jiġu megħjuna (permezz ta’ valutazzjoni tar-riskju xierqa) biex isiru aktar kompetittivi (billi jnaqqsu l-ispejjeż li jirriżultaw minn aċċidenti u minn mard okkupazzjonali, inaqqsu r-rati ta’ liv minħabba mard, eċċ.).
  • Fil-livell nazzjonali u dak settorjali:
    • biex tpoġġi l-għodod prattiċi tal-OiRA għad-dispożizzjoni ta’ organizzazzjonijiet mikro u żgħar permezz tas-siti web tagħhom u biex tippromwovi l-użu tagħhom
    • biex tikkontribwixxi għall-objettivi nazzjonali biex jitnaqqas il-mard u jitnaqqsu l-aċċidenti fuq il-post tax-xogħol billi tpoġġi l-għodod tal-OiRA għad-dispożizzjoni tal-intrapriżi.
  • Fil-livell ta’ kumpanija:
    • biex tiżgura s-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema (dmir ġenerali tal-impjegaturi u tal-intrapriżi) billi tħeġġeġ l-użu tal-għodod tal-OiRA fil-livell ta’ kumpanija u f'dak ta’ fabbrika, u b’hekk, iddaħħal fis-seħħ proċess ta’ evalwazzjoni tar-riskju sod
    • biex tiċċara l-proċess ta’ evalwazzjoni tar-riskju
    • biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol billi tippromwovi l-użu tal-għodda għall-evalwazzjoni tar-riskji fuq il-post tax-xogħol, u b’hekk, ittejjeb il-prestazzjoni tal-kumpanija.

Kif taħdem l-OiRA?

L-OiRA hija pjattaforma online li tikkonsisti mill-ġeneratur tal-għodod tal-OiRA (fejn l-iżviluppaturi jistgħu joħolqu għodod settorjali) u mill-għodod settorjali tal-OiRA, li huma aċċessibbli għall-MSEs permezz ta’ sit web interattiv.

Il-ġeneratur tal-għodod tal-OiRA jiġi pprovdut mingħajr ħlas lis-sħab soċjali settorjali fil-livelli tal-UE u fil-livelli nazzjonali, u lill-awtoritajiet tal-UE u dawk nazzjonali.

Is-Sħab tal-OiRA jistgħu jużaw il-ġeneratur tal-għodod tal-OiRA biex joħolqu għodod ta’ valutazzjoni tar-riskju għal setturi, riskji jew attivitajiet differenti. Dawn l-għodod imbagħad isiru disponibbli għall-MSEs biex iwettqu l-valutazzjonijiet tar-riskju tagħhom.