Is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema hija mħarsa fl-Ewropa permezz ta’ approċċ ibbażat fuq l-evalwazzjoni u l-immaniġġjar tar-riskju. Sabiex iwettqu evalwazzjoni tar-riskju effettiva fuq il-post tax-xogħol, dawk kollha involuti jeħtieġu għarfien ċar tal-kuntest legali, il-kunċetti, il-proċess ta’ l-evalwazzjoni tar-riskji u r-rwol li għandu jintlagħab mill-atturi ewlenin involuti fil-proċess
Ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-ħaddiema
Huwa importanti li l-ħaddiema jipparteċipaw fl-evalwazzjoni tar-riskju. Huma jafu l-problemi u d-dettalji ta' x'jiġri verament meta jwettqu d-doveri jew l-attivitajiet tagħhom, u għalhekk għandhom ikunu involuti fl-evalwazzjoni. Ħafna drabi, l-għarfien prattiku jew il-kompetenza tagħhom huma wkoll bżonnjużi biex jiġu żviluppati miżuri preventivi.
Il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema mhijiex biss dritt, hija wkoll fundamentali għat-tfassil effettiv u effiċjenti tal-ġestjoni tas-saħħa u s-sigurtà okkupazzjonali tal-impjegaturi.
Il-ħaddiema u/jew ir-rappreżentanti tagħhom għandhom id-dritt/dover li:
- ikunu kkonsultati dwar l-arranġamenti għall-organizzazzjoni ta' l-evalwazzjoni tar-riskju u għall-ħatra ta' dawk li ser jaċċettaw il-kompitu.
- jipparteċipaw fl-evalwazzjoni tar-riskju
- jiġbdu l-attenzjoni tal-kontrolluri tagħhom jew ta' min iħaddimhom rigward riskji li qed jaraw
- jirrappurtaw kull tibdil fil-post tax-xogħol
- ikunu infurmati bir-riskji għas-saħħa u s-sigurtà tagħhom u bil-miżuri neċessarji sabiex dawn ir-riskji jiġu eliminati jew imnaqqsa
- ikunu involuti fil-proċess ta' deċiżjoni dwar il-miżuri preventivi u protettivi li jridu jiġu stabbiliti
- jitolbu lil min iħaddimhom sabiex jistabbilixxi miżuri xierqa u jissottomettu proposti li jnaqqsu l-perikli jew li jeliminaw il-periklu mis-sors
- jikkooperaw sabiex jgħinu lil min iħaddem biex jassigura li l-ambjent tax-xogħol huwa sigur
- ikunu mħarrġa/jirċievu istruzzjonijiet dwar il-miżuri li se jiġu stabbiliti
- sa fejn ikun possibbli jieħdu ħsieb tas-saħħa u s-sigurtà tagħhom u ta' persuni oħra affettwati mill-azzjonijiet tagħhom skond it-taħriġ u l-istruzzjonijiet mogħtija minn min iħaddem
Barra dan, huwa importanti li r-rappreżentanti tal-ħaddiema jkunu mħarrġa sabiex jifhmu l-evalwazzjoni tar-riskju u r-rwol tagħhom fiha.
L-għodod tal-OiRA jagħtu possibbiltajiet differenti biex jiġu involuti u infurmati l-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom bħall-kondiviżjoni tal-kontenut tal-għodod jew tar-rapporti finali jew f’xi każijiet approċċi aktar elaborati. Ara fl-għodod nazzjonali tiegħek, l-għażliet differenti bħal taħriġ u stediniet biex tikkontribwixxi direttament online għall-valutazzjoni tar-riskju.
Rwoli u responsabbiltajiet tal-impjegaturi
L-impjegaturi għandhom jippreparaw bir-reqqa dak li se jagħmlu sabiex jissodisfaw ir-responsabbiltajiet tagħhom biex iwettqu valutazzjoni tar-riskju u jistabbilixxu l-miżuri meħtieġa għas-sigurtà u s-saħħa tal-ħaddiema. Huwa rrakkomandat li jagħmlu dan wara l-passi msemmija:
- ikkummissjonar, organizzazzjoni u koordinazzjoni tal-valutazzjoni;
- ħatra ta’ persuni kompetenti biex iwettqu l-valutazzjonijiet; il-persuni li jwettqu l-valutazzjoni tar-riskju jistgħu jkunu:
- l-impjegaturi nfushom;
- impjegati maħtura mill-impjegaturi;
- assessuri esterni u fornituri tas-servizzi jekk ikun hemm nuqqas ta’ persunal kompetenti fil-post tax-xogħol.
- konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-ħaddiema dwar l-arranġamenti għall-ħatra ta’ dawk li se jwettqu l-valutazzjonijiet;
- għoti tal-informazzjoni, it-taħriġ, ir-riżorsi u l-appoġġ meħtieġa lill-assessuri li huma l-impjegati tal-impjegatur stess;
- żgurar ta’ koordinazzjoni adegwata bejn l-assessuri (fejn ikun rilevanti);
- involviment tal-ġestjoni u inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol;
- determinazzjoni tal-arranġamenti li għandhom isiru għar-rieżami u r-reviżjoni tal-valutazzjoni tar-riskju;
- żgurar li l-miżuri preventivi u protettivi jieħdu kont tar-riżultati tal-valutazzjoni;
- żgurar li l-valutazzjoni tar-riskju tiġi ddokumentata;
- monitoraġġ tal-miżuri protettivi u preventivi biex jiġi żgurat li l-effettività tagħhom tinżamm;
- għoti ta’ informazzjoni lill-ħaddiema u/jew lir-rappreżentanti tagħhom dwar ir-riżultati tal-valutazzjoni u tal-miżuri introdotti (ir-rekords ikunu disponibbli għalihom).